POSITION PAPER DWAR L- ABBOZZI 96 U 97 TAL-2019 Life Research Unit Life Network Foundation Malta NOVEMBRU 2019
POSITION PAPER DWAR L-ABBOZZI 96 U 97
TAL-2019
Life Research Unit
Life Network Foundation Malta
NOVEMBRU 2019
2
KONTENUT
INTRODUZZJONI ............................................................................................................. 3
KWISTJONIJIET RIGWARD IL-LIBERTÀ TAL-ESPRESSJONI U R-RELIĠJON ......... 3
i. Tifsiriet ................................................................................................................................3
ii. Simboli reliġjużi .................................................................................................................5
iii. Reklamar .............................................................................................................................5
iv. Perikli għal servizzi offruti mill-Knisja u għaqdiet ta’ kull reliġjon u twemmin ..........5
KWISTJONIJIET RIGWARD L-ISKEJJEL ......................................................................... 6
i. Theddida għall-iskejjel reliġjużi jew dawk privati li jħaddnu ethos reliġjuż ...............6
ii. Restrizzjoni fl-għażla tal-impjegati ...................................................................................7
KWISTJONIJIET FIL-QASAM TAS-SAĦĦA .................................................................... 7
i. Servizzi mediċi ....................................................................................................................7
ii. Theddida għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni (Kap. 524 tal-Liġijiet ta’ Malta) 8
KWISTJONIJIET TA’ NATURA LEGALI .......................................................................... 9
i. Pieni esaġerati li jiksru bl-iktar mod ċar il-Kostituzzjoni................................................9
ii. Ħatra tal-Kummissarju dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza u l-Bord għall-
Ugwaljanza ..................................................................................................................................9
iii. Problemi proċedurali ..........................................................................................................9
iv. Il-Bord tal-Ugwaljanza u l-appelli ................................................................................... 10
v. Interess ġuridiku .............................................................................................................. 11
vi. Supremazija ...................................................................................................................... 11
vii. Inverżjoni tal-piż tal-prova .............................................................................................. 11
viii. Libertà tal-kuxjenza fil-kuntest ta’ servizzi u prodotti .................................................. 12
KONKLUŻJONI................................................................................................................ 13
3
INTRODUZZJONI
Dan id-dokument ifittex li jelenka fost l-iżjed nuqqasijiet serji li jinsabu fl-abbozzi
inkwistjoni.
Id-difetti u n-nuqqasijiet taż-żewġ abbozzi, jiġifieri numru 96/2019 dwar l-ugwaljanza
(minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “Abbozz Ugwaljanza”) u dak numru 97/2019 dwar il-
Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza u Drittijiet tal-Bniedem (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ
“Abbozz Kummissjoni”), huma diversi, uħud ta’ natura kostituzzjonali u oħrajn ta’ natura
politika u jeħtieġ li jiġu ndirizzati b’urġenza.
KWISTJONIJIET RIGWARD IL-LIBERTÀ TAL-ESPRESSJONI
U R-RELIĠJON
i. Tifsiriet
F’dawn l-abbozzi, ċerti termini li jġorru konsegwenzi serji huma vagi u jistgħu jiġu
interpretati b’mod li jkopru attivitaijiet li ma għandhomx jiġu ipprojbiti. Hekk, per
eżempju, il-kelma, “vittma”, tinkludi persuna li ġġarrab danni “mentali” minħabba li xi
ħadd jikser ir-restrizzjonijiet reġimentalizzati li timponi l-liġi. L-implikazzjoni tal-
kunċett ta’ danni mentali, mingħajr ebda forma ta’ kwalifika, hija wiesgħa ferm u,
għaldaqstant, perikoluża. Hekk ukoll il-kelma, “fastidju” (harassment), ġiet tkopri
kwalunkwe ħaġa li tista’ issir f’ambjent offensiv. Dan in-nuqqas ta’ ċertezza ġie wkoll
ikkritikat mill-Kummissjoni Venezja, iżda baqa’ hemm. Il-kelma, “fastidju”, ġiet definita
fl-abbozz bħala “imġieba mhux mixtieqa relatata ma’ xi waħda, jew mal-konkorrenza ta’
kwalunkwe, mill-karatteristiċi protetti li għandha l-għan jew l-effett li tikser id-dinjità ta’
persuna b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent… offensiv.”
Dan ikopri wkoll kondotta mhux intenzjonali u jista’ jkollu effett negattiv fuq id-dritt
tal-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon u dak tal-espressjoni; b’hekk, persuni jistgħu
jiġu imbeżża’ li jesprimu b’konvinċiment l-opinjonijiet miktuba jew verbali tagħhom fil-
4
pubbliku, jekk ikollhom il-biza’ li jiġu immultati u mtellgħin quddiem bord jew
kummissjoni li mhix qorti1. Dan imur kontra d-dritt tal-libertà tal-espressjoni ħielsa.
Kien ikun aħjar kieku l-abbozzi jispeċifikaw li tali projbizzjoni ma għandhiex tapplika
għall-espressjoni ta’ fehma personali, anki fejn din tista’ titqies ‘offensiva’. Iżda
sfortunatament dan ma huwiex il-każ.
Il-provvedimenti tal-abbozzi huma vagi u vasti u jmorru kontra d-drittijiet ta’
espressjoni tal-bniedem.
Ħalli nieħdu eżempju: Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u t-tagħlim inkluż fih,
faċilment jista’ jitqies “offensiv” minn xi ħadd li għandu opinjoni differenti. Huwa
possibbli, li min jiddefendi dan l-abbozz, jiċċita l-klawsola 6(m) (Abbozz Ugwaljanza) li,
mad-daqqa t’għajn, donnha tistabbilixxi xi forma ta’ eżenzjoni fejn tiddikjara li:
“Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, dawn li ġejjin ma għandhomx jitqiesu li
jikkostitwixxu diskriminazzjoni:
(m) il-wiri ta’ kontenut relatat ma’ twemmin, kredu jew reliġjon għall-iskop tad-disseminazzjoni
ta’ dak it-twemmin, kredu jew reliġjon;”
Biss, il-problema hawn hija li jekk din l-eċċezzjoni titqies suffiċjenti sabiex wieħed
jistqarr opinjonijiet offensivi, milli jidher, jista’ jagħmel hekk biss jekk dan ikun:
a. taħt il-forma ta’ “wiri ta’ kontenut” (allura ma japplikax għal diskors jew
aġir ieħor li mhux ‘wiri’ ta’ ‘kontenut’); u
b. jrid ikun relatat ma’ twemmin, kredu jew reliġjon għall-iskop tad-
disseminazzjoni ta’ dak it-twemmin (allura, il-liġi tippermetti din l-eċċezzjoni
biss fi klassi tad-duttrina... l-eżenzjoni ma tapplikax jekk wieħed irid
sempliċiment jesprimi l-opinjoni tiegħu [reliġjuża jew forsi sekulari!] fl-
arena pubblika, mingħajr ma jkollu l-għan ta’ “disseminazzjoni”).
1 Ara l-Position Paper ta’ Ottubru 2016 tal-Knisja Kattolika f’Malta dwar it-tifsira tal-kelma, “fastidju”, li
baqgħet l-istess fl-abbozzi preżenti. Dan ir-rapport ġie ffirmat, fost oħrajn, mill-Imħallef Emeritu
Giovanni Bonello u d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi ta dak iż-żmien, il-Prof. Kevin Aquilina kif ukoll mill-
Kap tad-Dipartiment tal-Ligi Ewropea, Dr. Ivan Sammut.
5
ii. Simboli reliġjużi
L-animu tal-abbozzi huwa wieħed li jirreġimentalizza kollox f’kanal wieħed. Dan
joħroġ ċar minn ċerti preġudizzji kontra dak li hu reliġjuż. Per ezempju, il-liġi tipprovdi
li ma għandux jiġi ikkonsidrat bħala diskriminazzjoni biss “il-wiri ta’ simboli reliġjużi
f’postijiet pubbliċi meta tali simboli għandhom valur kulturali”. Dan ifisser li jekk hemm
simboli reliġjużi mhux ta’ valur kulturali (skont l-opinjoni ta’ persuni lajci - jiġifieri
mhux maġistrati u mħallfin – fil-Bord tal-Ugwaljanza), dawn huma ipprojbiti u, min
jagħmilhom, jista’ jiġi immultat mingħajr ma jitressaq quddiem qorti! X’inhu “valur
kulturali” huwa kriterju soġġettiv. Li wieħed jagħmel salib fil-kampanja hu ta’ valur
kulturali? Probabbli li le.
Il-projbizzjoni ta’ simboli reliġjużi f’post pubbliku testendi għall-projbizzjoni li persuna
ġġorr jew tilbes kurċifiss f’ġiżirana ma’ għonqha – kif fil-fatt ġara, ngħidu aħna, fil-każ
tal-British Airways li seħħ fir-Renju Unit?2
iii. Reklamar
Jekk għaqda reliġjuża jew individwu jagħmlu billboard, poster, flyer, leaflet jew kitba
oħra fejn jgħidu li, skont it-twemmin tagħhom, iż-żwieġ huwa biss dak bejn raġel
wieħed u mara waħda, dan ikun kontra l-liġi? Probabbli li iva għax id-definizzjoni ta’
‘diskriminazzjoni’, ta’ x’inhi ‘diskriminazzjoni’ u ta’ x’inhu ‘reklamar’ hija daqshekk
vasta. Fil-fatt, l-abbozz (Abbozz Ugwaljanza) jipprojbixxi kull pubblikazzjoni, turija jew
xandir ta’ xi riklam “li jippromwovi d-diskriminazzjoni jew li jkun diskriminatorju jew li jista’
raġjonevolment jinftiehem li jindika intenzjoni li ssir diskriminazzjoni”. Din il-projbizzjoni,
għalhekk, tmur kontra l-libertà tal-espressjoni għax mhix raġjonevoli u lanqas
ġustifikabbli f’soċjetà demokratika.
iv. Perikli għal servizzi offruti mill-Knisja u għaqdiet ta’ kull reliġjon u
twemmin
L-“eżenzjoni”, fl-Abbozz Ugwaljanza, tiddikjara li ma tapplikax għal dak elenkat fil-
klawsola 7, jiġifieri inter alia għall-aċċess għal prodotti u servizzi u għar-reklamar.
2 Ara s-sentenza Eweida and Others vs The United Kingdom, ECtHR, li saret finali fis-27 ta’ Mejju 2013.
6
Għalhekk prodotti u servizzi pprovduti mill-Knisja Kattolika u għaqdiet ta’ kull reliġjon
u twemmin inkluz dawk mhux governattivi (NGOs), jistgħu jitqiesu diskriminatorji
skont il-liġi, abbażi tat-tieni proviso tal-klawsola 6(i).
Hu tabilħaqq importanti li jiġi ssottolineat li dan l-abbozz (Abbozz Ugwaljanza) qiegħed
jirrevoka3 l-Kap. 456 (l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa) li kien jinkludi
eżenzjoni speċifika ħafna, f’Artikolu 3 tiegħu, għal “xi regola dwar il-prattika reliġjuża, l-
aċċess għas-saċerdozju jew is-sħubija f’xi ordni reliġjuż jew komunitajiet reliġjużi oħra”.
Hu importanti wkoll li jiġi mfakkar li l-artikolu li kien jimmira li jipproteġi l-prattika
reliġjuża fil-verżjoni tal-abbozz preċedenti (li dwaru kienet ikkummentat il-Knisja
Kattolika, bir-riżervi tagħha fil-Position Paper tagħha),4 ġie eliminat minn din il-
verżjoni tal-abbozz.
KWISTJONIJIET RIGWARD L-ISKEJJEL
i. Theddida għall-iskejjel reliġjużi jew dawk privati li jħaddnu ethos
reliġjuż
Dawn l-abbozzi jolqtu negattivament lill-iskejjel Kattoliċi jew kwalunkwe skola, anki
privata, li għandha viżjoni Kattolika, jew skola ta’ kull reliġjon ohra. Jekk ngħidu aħna,
il-Knisja Kattolika u il-fidi Musulmana jemmnu li ż-żwieġ hu bejn mara u raġel – u
mhux bejn persuni tal-istess sess – skola Kattolika tista’ tgħallem dan biss fil-lezzjonijiet
tar-reliġjon. Skola hija msejħa ”Kattolika” mhux biss għax tgħallem ir-reliġjon; wara
kollox anki l-iskejjel tal-istat huma kostituzzjonalment obbligati li jgħallmu r-reliġjon
Kattolika. Iżda skola Kattolika, tissejjaħ hekk, ghax tapplika l-viżjoni u l-etika Kattolika
fis-suġġetti kollha barra r-religjon – bħax-xjenza, il-fizika, l-etika, il-filosofija u suġġetti
oħrajn.
3 Ara klawsola 32(4) tal-Abbozz 96/2019: “L-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa u l-liġijiet kollha
sussidjarji promulgati taħtu għandhom jiġu revokati” (enfasi miżjuda).
4 Dak li qabel kien Artikolu 6(3)(g), vide paġna 5 tal-Position Paper ta’ Ottubru 2016.
7
Dawn l-abbozzi jindaħlu wkoll fit-tip ta’ kotba, kurrikulum u tagħlim ieħor li skola
b’ethos reliġjuż tkun trid ixxerred fost l-istudenti. Anzi, f’tali ħwejjeġ, il-liġi tobbliga lil
dik l-iskola sabiex tippromwovi tagħlim u ideat li jmorru kontra l-ethos tagħha.
ii. Restrizzjoni fl-għażla tal-impjegati
Dawn l-abbozzi wkoll jillimitaw l-għażla tal-iskejjel Kattoliċi u ta’ reliġjonijiet ohra fl-
istaff tagħhom; u dan peress li l-ħajja privata tal-għalliem hija kkonsidrata irrelevanti,
ħlief għar-rigward l-għalliema tar-reliġjon. Skola Kattolika għandha jkollha d-dritt li
tieħu in konsiderazzjoni kollox fl-għażla tal-għalliema tagħha fi skola li tipprofessa
ċertu twemmin.
Fit-taparsi eżenzjoni li hemm fl-abbozzi, hemm eċċezzjoni favur ħidmiet interni ta’
kwalunkwe istituzzjoni/komunità u l-aċċess għal kwalunkwe mis-servizzi reliġjużi
ipprovduti minn dik l-istituzzjoni jew komunità; iżda, fil-każ biss, li tali differenza fi
trattament tkun saret “abbażi ta’ twemmin, kredu jew reliġjon.”
L-abbozzi lanqas ma jippermettu lill-Knisja ċċaħħad milli jidħlu jaħdmu bħala youth
leaders fi gruppi taż-żgħażagħ tal-parroċċi, jew milli joqogħdu bħala parrini (jew
saħansitra milli jgħammdu) lil persuni li jkunu qegħdin jgħixu oġġettivament u
apertament fi stat bi ksur tat-taghlim tal-Knisja. Jiġifieri persuna li hija f’relazzjoni
adultera magħrufa (ħajja privata tagħha), li hija attivista favur l-abort (ħajja privata
tagħha) ma tistax titwaqqaf milli tgħallem fi skola Kattolika/privata.
KWISTJONIJIET FIL-QASAM TAS-SAĦĦA
i. Servizzi mediċi
L-Abbozz Ugwaljanza lanqas ma jippermetti, jekk kemm-il darba sptar privat, jew
kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni joffru servizzi mediċi, li dawn jiġu mogħtija
skont it-twemmin tagħhom, iżda l-liġi tobbligahom joffru kull servizz mingħajr ebda
forma ta’ distinzjoni (eż. l-hekk imsejħa kontraċezzjoni ta’ emerġenza (morning after
pill), IVF, embryo freezing, u potenzjalment is-surrogacy).
8
ii. Theddida għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni (Kap. 524 tal-
Liġijiet ta’ Malta)
L-Abbozz Ugwaljanza jipprovdi li:
“32. (1) Dan l-Att għandu japplika għall-amministrazzjoni pubblika u għas-
settur privat.
(2) Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att għandhom japplikaw mingħajr
preġudizzju għal kwalunwke miżuri fi kwalunkwe liġi oħra li huma neċessarji
għas-sigurtà pubblika, għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-prevenzjoni ta’ reati
kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u
libertajiet tal-oħrajn.
(3) F’każ ta’ kunflitt relatat ma’ materja regolata b’dan l-Att, bejn dan l-Att u
d-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe liġi oħra minbarra l-Kostituzzjoni jew Att
tal-Parlament li espressament jemenda dan l-Att, għandhom jipprevalu d-
dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att.”5
Minħabba li din il-liġi tivvanta superjorità fuq prattikament kull liġi oħra, mela hija
wkoll superjuri għal Kap. 524 (l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni), li fost affarjiet
oħra jistipula min jista’ u min ma jistax ikollu aċċess għall-IVF (liema Att s’issa
jipprojbixxi s-surrogacy – liema projbizzjoni xi wħud jikkunsidraw diskriminatorja).
Għalhekk, huwa possibbli ħafna li din il-liġi l-ġdida tintuża bħala għodda biex tkompli
twessa’ l-parametri stabbiliti tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, taħt il-kappa ta’
nondiskriminazzjoni u b’ hekk tidħol is-surrogacy fuq bażi ta’ diskriminazzjoni ta’
aċċess bejn koppji nisa u koppji rġiel.
5 Klawsola 32 tal-Abbozz 96/2019.
9
KWISTJONIJIET TA’ NATURA LEGALI
i. Pieni esaġerati li jiksru bl-iktar mod ċar il-Kostituzzjoni
Il-Bord jista’ jimponi pieni amministrattivi li jistgħu jlaħħqu skont il-każ sa massimu
ta’ €10,000 u €20,000 u f’ċerti każijiet €500 kuljum (Abbozz Kummissjoni – klawsola 42).
Dawn il-pieni huma ħorox biżżejjed hekk li jammontaw għal pieni kriminali. Skont is-
sentenzi fil-każ Federation of Estate Agents vs. Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)
et (deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali fit-3 ta’ Mejju 2016) u ta’ Rosette Thake et noe vs.
Kummissjoni Elettorali et (deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali fit-8 ta’ Ottubru 2018),
dawn il-pieni jistgħu jiġu imposti biss minn qorti stabbilita skont il-liġi, mhux
minn kummissjoni jew bord, (ara wkoll Il-Pulizija vs. Emmanuel Vella deċiża mill-
Qorti Kostituzzjonali fit-28 ta’ Ġunju 1983).
Minkejja li dan ġie rilevat wara l-ħruġ tal- abbozzi preċedenti, minkejja li dawn is-
sentenzi ġew mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u minkejja li l-Kummissjoni Venezja
(fl-Opinjoni Nru 920/2018 tat-23 ta’ Ġunju 2018) stess irrilevat dan il-fatt, l-abbozzi
preżenti xorta jipprovdu ghal din il-miżura anti-kostituzzjonali.
ii. Ħatra tal-Kummissarju dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza
u l-Bord għall-Ugwaljanza
Huwa notevoli li jekk il-Kummissarju ma jiġix elett b’żewġ terzi tal-membri kollha tal-
Kamra tad-Deputati, fl-ewwel żewġ rounds tal-votazzjoni, wara jista’ jiġi maħtur
b’maġġoranza tad-deputati, li fil-prattika jiġifieri skont min irid il-Gvern. L-Awditur
Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandhom
poteri inqas mill-Kummissarju, iżda jinħatru biż-żewġ terzi u żewġ terzi biss. Hekk
ukoll għandu jsir fil-ħatra tal-Kummissarju. Terġa’, il-membri tal-Bord għall-
Ugwaljanza jinħatru mill-President fuq il-parir li jorbot tal-Prim Ministru, li jfisser li
jkunu ħatriet politiċi tal-Gvern.
iii. Problemi proċedurali
Hemm anki kumplikazzjonijiet fil-proċedura.
10
Jekk xi ħadd jallega li sar xi att jew ittieħdet xi miżura kontra l-ugwaljanza fis-sens vast
u wiesa’ deskritt fl-abbozzi, jidher li l-persuna jew organizzazzjoni jew skola, hekk
akkużata, tista’ tiġi assoġġettata separatament jew simultanjament għal:
- Kawża kostituzzjonali taħt l-Art. 46 tal-Kostituzzjoni u l-Art. 4 tal-Att dwar il-
Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Kap. 319 tal-Liġijiet ta’ Malta)
istitwita mill-allegata vittma;
- Fuq istanza tal-vittma, għal proċeduri quddiem il-Bord tal-Ugwaljanza bil-
possibilità ta’ multi ħorox (ara klawsola 11 tal-Abbozz Kummissjoni);
- Rapport tal-Kummissjoni minn rajha jew fuq istanza tal-vittma għal proċeduri
quddiem il-Bord tal-Ugwaljanza bil-possibilità ta’ multi ħorox (ara klawsola 16
tal-Abbozz Kummissjoni);
- Ftuħ ta’ proċeduri kostituzzjonali mill-Kummissjoni minn rajha taħt l-Art. 46 tal-
Kostituzzjoni (ara klawsola 14[u] tal-Abbozz Kummissjoni); u
- Ftuħ ta’ proċeduri ordinarji ċivili mill-Kummissjoni minn rajha quddiem il-Prim’
Awla tal-Qorti Ċivili skont l-Att dwar l-Ugwaljanza (ara klawsola 14[v] tal-
Abbozz Kummissjoni).
Din il-proliferazzjoni ta’ proċeduri tistieden konfużjoni proċedurali serja ta’
preġudizzju għall-individwi, għaqdiet jew assoċjazzjonijiet privati.
iv. Il-Bord tal-Ugwaljanza u l-appelli
Provvediment uniku u stramb jinsab fl-klawsola 45 tal-Abbozz Kummissjoni. Meta
tingħata sentenza mill-Bord tal-Ugwaljanza, hemm dritt ta’ appell quddiem il-Qorti tal-
Appell (Superjuri). Ir-rikors tal-appell jiġi innotifikat lill-Bord li jkun ta d-deċiżjoni li
jkollu d-dritt li jippreżenta risposta fil-Qorti tal-Appell u presumibilment jittratta l-każ
ukoll! B’hekk Bord li jiddeċiedi każ isir parti mill-kawża kontra l-individwu! Imkien fil-
liġijiet kollha ta’ Malta ma nsibu stramberija bħal din.
11
v. Interess ġuridiku
Filwaqt li kull persuna f’Malta, anki biex tattakka liġi bħala li tmur kontra l-
Kostituzzjoni, trid tipprova interess ġuridiku, jiġifieri interess dirett, personali u attwali,
il-Kummissjoni mhix hekk marbuta u tista’ tagħmel kawża hi mingħajr il-bżonn li
tipprova interess ġuridiku u tista’ tagħmilha anki kontra l-Avukat Ġenerali. Jekk hu
hekk, allura anki l-individwi u l-entitatijiet għandhom igawdu mill-istess privileġġ.
vi. Supremazija
Dawn l-abbozzi fihom klawsola ta’ supremazija; jiġifieri li jekk xi liġi oħra tmur kontra
tagħhom jipprevalu huma. Dawn il-abbozzi ma għandhom qatt jipprevalu fuq l-Att
dwar il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Kap. 319 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Skont klawsola 2 tal-Abbozz Kummissjoni, il-kliem “drittijiet tal-bniedem” jinkludu wkoll
“il-ġurisprudenza tal-Qrati [...] internazzjonali”. Ma hemmx indikat liema huma dawn u
jistgħu għalhekk jinkludu qrati fejn huwa aċċettat id-dritt għall-abort bħala dritt ta’
għażla tal-mara, jew l-ewtanasja bħala dritt li persuna tagħżel meta u kif tmut. B’hekk,
ksur ta’ xi dritt rikonoxxut minn xi qorti internazzjonali, lil ’hinn mill-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem jista’ jammonta għal ksur ta’ liġi f’Malta.
vii. Inverżjoni tal-piż tal-prova
Il-klawsola 31(2) tal-Abbozz Ugwaljanza tipprovdi li “għandha tkun ir-responsabilità tal-
intimat li jipprova li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament indaqs… u l-Qorti
jew il-Bord għandhom jilqgħu l-ilment jekk l-intimat jonqos milli jipprova li l-att illegali ma ġiex
kommess.”
Bl-introduzzjoni ta’ din il-klawsola, f’ċerti każijiet, l-intimati ser isibu ruħhom
inutilment imġiegħla jiġġustifikaw azzjonijiet jew nuqqasijiet li normalment huma
raġjonevoli u ġustifikabbli, bħal per eżempju single-sex facilities, il-preferenza lejn
għalliema tal-istess twemmin f’każ ta’ skejjel ta’ ethos reliġjuż. Mhux biss persuni u
entitajiet ser ikunu assoġġettati għal termini vagi li abbażi tagħhom tittieħed azzjoni
kontra tagħhom, iżda skont il-klawsola 31(2), l-oneru tal-prova li ma hemmx
diskriminazzjoni inġustifikata ntefgħet fuq il-persuna u l-entitajiet akkużati. Dan,
flimkien mat-termini vagi adottati fl-abbozzi, joħloq riskji serji.
12
Min hu akkużat b’diskriminazzjoni jrid jipprova l-innoċenza tiegħu waqt li min
jallegaha hu eżonerat milli jġib evidenza oġġettiva. Għalhekk l-abbozz ma huwiex skont
id-drittijiet proċedurali normali u aċċettati. Il-perċezzjoni sogġettiva tal-vittma donnha
hi l-uniku kejl biex wieħed jiddeċiedi jekk hemmx diskriminazzjoni jew le.
viii. Libertà tal-kuxjenza fil-kuntest ta’ servizzi u prodotti
Ma hemm ebda provvediment dwar din il-libertà fl-abbozzi.6 Għalhekk, professjonist
jew fornitur ta’ servizz/prodott ma jistax jiċħad xewqat ta’ klijenti anki jekk dawn
imorru kontra l-kuxjenza tiegħu.
Hawnhekk teżisti theddidha serja għal-libertà tal-kuxjenza lill-pesuni li jħaddnu
twemmin u jgħixu dan it-twemmin (per eżempju: persuna li taħdem ma kumpannija
tal-marketing ma tkunx tista’ tirrifjuta parteċipazzjoni f’kampanja li tippromwovi sess
‘liberu’, fotografu ma jistax jirrifjuta s-servizz tiegħu jekk ma jaqbilx moralment maċ-
ċerimonja li jkun imqabbad jiġbed, sidien ta’ guest house, retreat house, residenzi li
għandhom prinċipji Nsara ma jistgħux jirrifjutaw l-użu tal-proprjetà tagħhom lil
individwi, koppji jew gruppi fuq oġġezzjonijiet morali. Fis-servizz tas-saħħa, operaturi
jitilfu l-libertà li ma jipparteċipawx f’servizzi li għalihom ma humiex moralment
aċċettabli u l-libertà li ma joffrux prodotti kontra l-konvinzjoni morali tagħhom.
Professjonist legali li jaħdem fil-liġi tal-familja, jew f’setturi oħra, jaf isib ruħu legalment
marbut jippatroċinja kwistjonijiet fejn huwa fundamentalment ma jaqbilx mal-moralità
involuta.
Iktar minn hekk, il-klawsola 25(1)(a) tal-Abbozz Ugwaljanza, li tittratta “d-dmir tal-
ugwaljanza” tobbliga l-amministrazzjoni pubblika tal-pajjiż sabiex tfittex li "telimina d-
6 Ara paragrafu 15 tal-Position Paper tal-Knisja Kattolika f Malta ta’ Ottubru 2016 fejn f’dan l-aspett kollox
baqa’ l-istess fl-abbozzi tal-2019: “15. In the context of the right to freedom of thought and religion, the issue of
conscientious objection is at stake. Any legislation on non-discrimination should give due attention to the question
of exercising the right to conscientious objection. This right is commonly associated with a form of legally permitted
exemption from certain obligations or prohibitions with which one may disagree on religious, ethical, humanitarian,
or allied grounds. Article 10(2) of the Charter of Fundamental Rights explicitly provides that “the right to
conscientious objection is recognised, in accordance with the national laws governing the exercise of this right”.
Such provision indicates that the EU recognises the importance of the right to conscientious objection but leaves it
up to the Member States to regulate these matters. Despite the fact that conscientious objection is commonly
associated with the demand for exemption from military service, it does not exclude that the possible scope of the
application of this right also extends beyond the field of military service in other spheres that regulate choices based
on ethical imperatives (e.g. regarding health, education, provision of goods and services). The Bill is completely
silent on this matter.”
13
diskriminazzjoni u kwalunkwe imġieba oħra projbita taħt dan l-Att".
Din il-klawsola qiegħda tindika li l-miżuri ristrettivi ta' din il-liġi huma biss il-bidu ta'
ħidma tal-amministrazzjoni pubblika li, skont dan l-abbozz, sejra tkun legalment
marbuta sabiex tfittex li "telimina" dak kollu li huwa pprojbit taħt l-istess liġi (mingħajr
ebda dispożizzjoni li tippermetti l-oġġezzjoni tal-kuxjenza). Dan ibassar perikli akbar
għal kull min iħaddan u jaqsam ma' ħaddieħor opinjoni li tista' titqies "offensiva", u
allura illegali u pprojbita skont dan l-abbozz.
Ta' min jinnota li l-Opinjoni tal-Kummissjoni Venezja, fost ir-riżervi li tqajjem, twissi li l-
obbligu ta’ ugwaljanza tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jittraduċi ruħu
f’poter li l-istess amministrazzjoni toħloq obbligi ġodda u enforzabbli għal atturi privati:
“[This] may be interpreted as conferring on the public administration a very broad mandate to
take any action it sees fit to advance equality. Such interpretation is potentially dangerous.
In doing so the public administration may encroach on the rights and legitimate
interests of private persons”7 (enfasi miżjuda).
KONKLUŻJONI
Finalment jirriżulta biċ-ċar li f’partijiet importanti ta’ dawn l-abbozzi hemm lok għal
oġġezzjonijiet serji fejn, iktar milli ugwaljanza, qed tiġi promossa r-regimentazzjoni
sabiex kulħadd jitkellem u jaġixxi l-istess.
Din il-liġi proposta tirriżulta f’theddida serja għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-
kuxjenza u toħnoq id-diversità fl-opinjonijiet fuq il-mezzi tax-xandir jew media libera
oħra. Dan imur kontra l-ispirtu tal-ugwaljanza.
7 Ara, fost oħrajn, paragrafi 91 u 97 tal-Opinjoni tal-Kummissjoni Venezja.